Forsi Hu kien!
Meta binti Philipa kienet taħdem fi Spanja jiena w marti, Helen, morna nzuruha ftit. Darba konna fi knisja meta lmaħna ftit il-bogħod minna raġel ta xi ħamsin sena, maħmuġ inkallat, liebes imqatta w jleqq bil-kallu. Kien mixħut għal tul fuq bank jiprrova jorqod. Ħdejħ inzertaw xi żewġ sinjuri lebsin eleganti ħafna. Intbaħt li kienu qed jippruvaw jersqu ‘l bogħod minnu kemm jista jkun. Hu minn-naħħa tiegħu ma kienx imdejjaq bl-imġieba ta’ dawk is-sinjuri. Ikolli ngħid li kien tassew jaqa u jqum.
Meta spiċċat il-quddiesa, binti Philipa ħarget tgħaġġel u qaltilna nistennewha. Stennejnieha barra għal ftit minuti u rajtha terġa tidħol fil-knisja b’borsa. Wara xi minuta ħarget u staqsejtha x’kienet qad tagħmel. Stagħġibt bit-tweġiba tagħha: “Mort nixtri ħobża w ftit perżut lil dak ix-xwejjaħ.” Staqsehtha x’qalilha. “Xejn!” wieġbitni, “iżda tani tbissima liema bħalha.”
Ngħid il-verita` issummajt u ma kellix kliem x’ngħidilha ħlief “Alla jafhulek!” Qabżet hi u pronta pronta qaltli, “Forsi Hu kien!”
Dan l-episodju kien ħareg minn moħħi sakem xi ftit gimgħat ilu kien hemm persuna fil-knisja liebsa maħmuġa u tidher li kellha bzonn banju mhux ħażin. Ħarist lejha aktar minn darba minn taħt l-għajnejn. Meta wasalna biex ngħidu il-Missierna ntabħt li hi kienet qed issejjaħ missier lil-istess Missier li kont qed nitlob jien.
F’daqqa waħda ħassejntni ċkejken talli stmerrejt xi ftit lil dik il-persuna. Alla tana il-privileġġ li nsejħulu Missier. U dan il-privileġġ taħ lil kulħadd. Lil-fqir, lis-sinjur. Lin-nadif u lill-mahmuġ. Ilkoll wild l-istess missier. Kien dak il-mument li ftakart fix-xwejjaħ Spanjol.
Għal ftit sekondi fhimt il-presenża t’Alla f’persuna. Għal ftit sekondi biss ħassejtni kważi qed nifhem messaġġ tal-Missier. Kienu biss ftit sekondi li jbejxqu l-persjana biex jidħol ftit dawl.
Meta mbagħad kellna nagħtu paċi lil xulxin dik il-persuna maħmuġa ma ħarsitx lejja. Provajt naqsam il-paċi magħha iżda hi ħarset in-naħa l-oħra.
Qatt ma rajtha iżjed lil-dik il-persuna. Daħlu f’moħħi l-kliem ta’ binti: “Forsi Hu kien!” U jien bħal ħafna drabi oħra kont tard wisq biex nifhem u nara.