Niftakarni żgħir inħalli ftit ta’ spazju ħdejja għall-anġlu kustodju tiegħi. Għal xi raġuni kont dejjem nimmaġinaħ żgħir fl-eta`. Kont ġieli nkellmu jew aħjar inġorr miegħu jekk xi ħaġa ma togħġobnix jew inkun qlajt xi ħassla minn missieri jew ommi.
Ma niftakarx kemm domt nagħmel dan. Illum ma nħalli ebda spazju fis-siġġu iżda xi ftit jew wisq nipprovanħalli spazju f’dik il-parti tal-moħħ li tirregola s-sentimenti.
Illum għal xi raġuni ma nisimgħux fuq l-anġlu kustodju. M’hinix komptenti li niddiskuti is-suġġett iżda niftakar li kont nara fiħ il-ħabib mistrejuż, il-kumpann li kull tfajjel ta’ ċerta eta`kien jivvvinta meta jilgħab jew ikun waħdu.
U dan l-anġlu kont nimmaginaħ imbaċċaċ, u ċkejken. B’xagħru skur mimli nokkli u b’ħarsa ta’ wieħed imqareb.
Meta kbirt u moħħi sfortunatament tilef dan il-ħabib, kont mistoqsi nikteb ktieb tat-tfal biex il-qliegħ tiegħu imur għal beneficjenza. Kont diġa ktibt xi erba stejjer meta feġġ quddiem għanejja u ħabbat il-bieb ta’ qalbi dak l-anġlu ħabib li jien kont insejt. U minnufiħ bdejt nikteb ktieb fuqu. Semmejtu Puttinu. Il-kelma puttinu tfisser dawk l-anġli ċkejkna li naraw f’ħafna pitturi.
Mingħajr ma naf il-pinna bdiet tagħġġel u teħfif qisni kont qed nikteb fuq xi ħadd li kont ili nafu. Daħħalt ħafna episodi awtobijografiċi fl-istejjer għax ħassejt li dak il-ħabib anġlu kien parti minnhom ukoll.
Illum li għandi 54 sena, jista jkun li xi ħadd jarani għadni moħħi lura biex ngħid dan li qed ngħid. Iżda għaliex? Għaliex il-bniedem m’għandux iżomm fiħ ħajjin it-twemmin ta’ meta kien ċkejken. Id-dinja tidher ħafna aħjar u aħna stess nagħmulha aħjar. Għaliex meta wieħed jikber jinsa ħafna ħwejjeġ li kien jemmen fihom meta kien żghir?
Illum, per eżempju, ma nemminx aktar f’Father Christmas, iżda inżomm jikwi ġewwa qalbi il-messaġġ mill-isbaħ ta’ dak il-karattru. U xi daqqiet nipprova inkun jien stess dak il-karattru.
Sfortunatament met nikbru u nieqfu nemmnu f’xi ħaġa jew xi ħadd li kien jifforma parti mit-twemmin ta’ tfulitna, nispiċċaw ninsew il-messaġġ wara dak it-twemmin. U ħafna drabi dal il-mesaġġ jibqa validu u ħaj minkejja ż-żmien.
Kemm hu sabiħ li nżommu f’moħħna stejjer li jekk forsi kienu ‘l bogħod mir-realta`, ikunu ferm viċin tas-sentiment li r-realta` għandha bżonn.