Pittur li jaffaxxinani hu Vincent Van Gogh. Barra l-pittura tiegħu taffaxxinani ħajtu. Kien bniedem jaħraq bil-passjoni għal kull ħaġa li jħobb jagħmel. Qabel ma ntelaq kollu kemm hu ghall-pittura, Van Gogh kien għadda minn kriżi reliġjuża u għal żmien qasir kien predikatur evanġelista.
Tant ried jersaq viċin lejn il-kelma tal-Vanġelu li mar jgħix mal-ħaddiema tal-barrieri tal-faħam. Bata magħhom. Sa neża minn kull kumdita` anki bażika biex kemm jista’ jkun jersaq lejn it-tbatija ta’ dawk il-ħaddiema. Kienu nies li għal ftit soldi kienu jaħdmu u jgħixu fl-agħar kundizzjonijiet. Taħt l-art it-trab tal faħam kien imarradhom u kienu jmutu kmieni. It-tragedji hemm taħt ma naqqsux u ħafna drabi il-mini kienu jċedu u jordmu lil ħaddiema sal-mewt.
Van Gogh tant kien prova jbati li saħansitra is-superjuri tiegħu raw dawn l-isforzi bħala mhux normali u ssospendewħ minn xogħolu.
Niftakar f’San Frangisk li litteralment neża kollox u libes xkora. U sab lil Kristu fil-faqar u fil-passjoni tat-tbatija. Hu wkoll kien ikkunsidrat bħala esaġerat u iffissat. Ikolli ngħid li ħajjet San Frangisk kienet esperjenza taħraq ta’ mħabba lejn il-fqir, il-bagħtut, u l-kreazzjoni li jinsabu magħqudin fil-figura ta’ Kristu.
Mhux qed ngħid li Van Gogh kien qaddis iżda qed nesprimi ammirazzjoni lejn dawk li jagħmlu ħajjithom l-idejal nisrani ta’ tbatija li jfisser l-imħabba għal proxxmu li fiħ tara l-Ħallieq. Madankollu dawn l-isforzi ta’ dawn iż-żewg personaġġi wassluhom għal finali opposti għal xulxin. Van Gogh spiċċa ma fehemx għaliex it-tbatija u spiċċa ma jemminx aktar fil-Ħaliieq waqt li s-sofferenza wasslet lil San Frangisk biex jifhem il-kobor ta’ Kristu.
Kemm il-darba jien għidt li nemmen f’xi ħaġa iżda għażilt it-triq il-qasira! Kemm il-darba faħħart nies idealisti iżda mbagħad ikkupjajt lil min għażel il-komdu! Min jaf kemm il-darba għidt kliem sbieħ biex ifissru x’nixtieq iżda aċċettajt livell aktar baxx u nħbejt wara kliem fiergħa!
Il-kobor jgħix fi ftit nies. Il-bqija aħna medjokri. Ngħixu fit-triq tan-nofs. Ngħażlu it-triq mingħajr ofor. Ngħidu kliem faċli. Naraw dak li hu aċċettat mill-kotra. Il-maġġoranza - aħna - parti mill-kotra iżda għandna l-fortuna li nistgħu nagħrfu il-kobor f’xi ħaddiehor. F’dak il-mument għalkemm nibqgħu fil-kotra ngħollu rasna ‘l fuq u naraw ftit ta’ dawl li jmexxina imqar għal ħin qasir.
Dawk il-ftit sekondi li ngħarfu l-kobor fit-tjubija ta’ ħaddiehor huma sekondi ta’ ispirazzjoni li jfehmuna xi ħaga ferm akbar minna. Ftit sekondi biss...u malajr nerġa nintilef u nerġa nsir parti mill-kotra.