Kont qed inħares lejn pjanta li miskina mietet. Mhux hekk biss iżda kienet ġia` saret ikel ghal pjanti sieħba. U f’moħħi reddnu il-kliem ta’ Leonardo Da Vinci, dak il-ġenju kbir tar-Rinaxximent Taljan.
Kien iħobb iħażżeż il-kliem “Di mi se mai fu fatta alcuna cosa.” (Għidli jekk qatt tlestietx jew saret xi ħaġa.) Kiteb dawn il-kliem ħafna drabi anki meta kien qed iħażżeż b’xi pinna ġdida biex jipprovaħa.
Ħafna awturi u studjużi ta’ Leonardo jgħidu li dawn il-kliem ta’ Leonardo huma konfessjoni ta’ kemm il-ħaġa ħalla mhux kompjuta dan il-ġenju stess. Pitturi nofshom lesti, esperimenti jieqfu fin-nofs, invenzjonijiet kwazi lesti u skulturi mitlufa.
Għalija pero` Leonardo qed ifisser xi ħaġa differenti b’dawk il-kliem. Leonardo kien konxju ħafna mill-fatt li kollox għaddej minn tibdil kontinwu. Ix-xmara li qed nara issa qed tinbidel minnufiħ għax l-ilma għaddej. Il-pjanta tmut, issir għalf għal pjanti ohra li jitwieldu u jkomplu ċ-ċirku. Xejn m’hu wieqaf.
Kieku Leonardo għadu ħaj kien żgur iħares lejn l-univers u jara l-moviment kontinwu, il- vjaġġ bla waqfien, ta biljuni u biljuni ta’ pjaneti u stillel.
Insomma xejn ma tista tgħidlu ‘lest ghal kollox.’ Dejjem għaddej tibdil.
U jien ukoll bħan-natura. Ninbidel kuljum ghax iż-żmien jagħmel bija bħal kulħadd.
Fil-bniedem pero` dan it-tibdil ifisser ħafna iktar minn tibdil fiżiku. Jien ninbidel kulljum ghax kulljum qed nieħu esperjenza ġdida, nitgħallem xi ħaġa ġdida. Mhux biss mill-kotba iżda mill-akbar ktieb :il-ħajja.
Min jaf kemm garrejt u ddejjaqt waqt li għaddejt minn xi esperjenza iżda wara zmien ninduna kemm kien siewja it-tagħlima li ħalliet dik l-esperjenza. U bħali jinbidel kull bniedem. Kelma waħda, esperjenza waħda tista tbiddel it-triq ta xi ħadd. Mhux qed ngħid li bil-fors irridu naraw id-dawl bħal San Pawl. Iżda jien naf nies li biddlu ħajjithom wara kliem ta’ ċertu qassis fi priedka. Tkun għatxan bla ma taf u jingħatalek x’tixrob.
U l-ħazin jista` jsir tajjeb. Ma għandniex nissuspettaw fis-sinċerita` ta xi ħadd għax minn ċerta ħajja xellerata inbidel malajr u beda jgħix hajja ta’ ġid. Il-bniedem bħal dik il-pjanta. Jista’ jmut biex jagħti ħajja lill ħaddieħor.
Di mi se mai fu fatta alcuna cosa. Kellu raġun Leonardo. Xejn ma jiltesta f’din il-hajja. Fil-ħajja ġdida nimmaġina li hemm kontinwita` bla tibdil . U t-tip ta kontinwita` jidependi fuq kemm kont lest ninbidel jien ghat-tajjeb.