Aħna mdorrijin nemmnu li l-ħuta l-kbira tiekol liż-żgħira u din ta' l-aħħar tispiċċa. Pero` ħafna drabi mhux hekk. Iż-żgħir jirbaħ, mhux bis-saħħa tad-driegħi iżda bil-qawwa tal-moħħ jew ta' l-ispirtu.
Inħarsu ftit fl-istorja tal-bniedem. Eluf ta' snin ilu (xi 3000 sena Q. K.) il-belt ta' Sumer fil-Mesapotamia weldet ċivilta' kbira u interssanti. Snin wara, madwar 2350 Q.K., kibret fin-nofsinhar tal-Mesopotamia, qawwa ġdida, Akkad. Ir-re tagħhom kien jismu Sargon. Kien qawwi u rrenja mill 2371 QK sal-2316QK. Biddel l-Akkadjani f'ġens b'saħħtu u qalbieni fil-gwerra. Sargon rebaħ lis-Sumeri. Forsi xi wħud minnkom jaħsbu li mbagħad Sumer inqerdet. Xejn minn dan. L-Akkadjani rebbieha xorbu miċ-ċivilta` ta' Sumer telliefa u bhekk għalkemm Sumer kienet soġġetta għal-poplu Akkadjan, fil-fatt is-Sumeri ferrxu iċ-ċivilta` taggħom f'territorju akbar.
Ġara li snin wara, il-qawwa ta' Sargon ukoll bdiet tonqos u tfaċċat qawwa ġdida. Kienu l-Amoriti (imsemmija sew fl-Antik Testment) magħrufa wkoll bħala l-Babiloni l-Qodma. Wieħed mill-aqwa rejiet tagħhom kien il-kbir Hamurabi. Għalkemm dawn għelbu lill-Akkadjani huma wkoll spiċċaw taħt l-influwenza taċ-ċivilta Sumera li kompliet tinfirex aktar.
Dan mhux episodju uniku fl-istorja. Naraw l-istess ħaġa fiċ-ċivilta` Griega. Għalkemm Grecja ġiet maħkuma mir Rumani, iċ-ċivilta` Griega daħlet f'dik Rumana u ħalliet marka qawwija. Tassew minnu dak li qal il-poeta Ruman, Orazju: "Grecja mjassra rebħet lil min jassarha".
Ma għandniex għal nistaġbu. Jigri wkoll hekk fl-istorja tal-individwu. Naraw bniedmin li bil-qawwa tal-ispirtu tagħhhom jegħlbu elementi ferm aktar qawwija minnhom. Per eżempju, San Frangisk: raġel fqajjar u marid li neża kollox. Ma ried xejn. U dak kien proprju il-kobor tiegħu. Ix-xejn li kellu. Għax il-kobor tiegħu kien fl-isprtu. Id-dinja li għex fiha ma għaffitux. Anzi għagen lilha f'għamla ġdida. U wassal messaġġ li għadu jbaqbaq sallum. Inħarsu lejn qaddisin oħra u naraw l-istess proċess. Ruħ qawwija li tirbaħ l-elementi kollha u tibqa' msemmija minkejja kollox.
Anki fl-istorja tax-xjenza niltaqgħu ma dal-fenomenu. Bniedem wieħed mhux kburi joħrog b'ideja li tbiddel il-viżjoni tad-dinja. Naraw lil-Einstein, Galileo, Mendel, Pasteur ecc.
F'daqqa il-qawwa tal-wieħed jikber. Il-qawwa taż-żghir jirbaħ. Il-qawwa tal-mirbuħ jirbaħ.
Dawn huma ħsibijiet li għandhom iqawwulkom qalbkom. Li int waħdek ma jfissirx li int tellief. Il-qawwa hi fil-messaġġ tiegħek. Jekk il-messaġġ hu qawwi, tirbaħ. Anki meta ijassruk, inti tħalli ix-xebħ tiegħek f'min jaħseb li rebaħlek. Int tħalli parti mill-ispirtu tiegħek, f'għemilek.