Sieħbi insista li hu ma jafda lil ħadd. Jien tqarrast għax, ngħid il-verita`, jien nafda lil ħafna nies. Veru li mhux lil kulħadd iżda li ma nafda lil ħadd, ftit iebsa. Għidtlu dan kollu iżda sieħbi baqa' jinsisti li hu ma jafda lil ħadd.
"Imma allura għalik kulħadd ħalliel?" staqsejtu. Weġibni malajr, "Iva." X'taqbad tgħid f'din is-sitwazzjoni! Għidtlu li jiddispjaċini li lili jarani ħalliel. U hawn waqaf. "Le! Int le!" Almenu, bdejna nnaqsu.
Staqsejtu jiddejjaqx li jara lil missieru u ommu ħallelin jew mhux ta' min jafdaħom. It-tweġiba feġġet bħal-leħħa. "Dawk le!" Erġajna naqqasna! U bintek ukoll? Dik differenti. Erġajna naqqasna. Komplejt bil-kappillan , bit-tabib li salvalu ħajtu, bl-avukat li jaħdimlu b'xejn, biz-zija li kienet ser tħallilu kemxa mhux hażin eċċ eċċ. U dawn ukoll tnaqqsu mill-lista ta' kulħadd.
"Iżda n-nies li ma nafhomx żgur ma nafdhomx!" insista. Għamiltlu mħatra ta' ħames ċenteżmi li ser nikkonvinċieħ mod ieħor, u hu aċċetta. Konna bil-qiegħda fit-terrazzin. Staqsejtu kienx jaf lil persuna li għamlet is-siġġu li kien fuqu, jew il-bennej li bena l-terrazzin. Qalli le. Mela kif kien qiegħed daqshekk komdu? Ma kienx qed jibża' li ser jaqa' b'kollox?
Ħarisna l-isfel u rajna karozzi għaddejjin. "Kull wieħed minn dawk qed jafda lill-ieħor bla ma jafu lil xulxin," għidtlu. Kull wieħed qed iserraħ moħħu li l-ieor jaf isuq u mhux ser jidħol fiħ. Staqsejtu jekk hu kienx differenti minn dawk kollha. Siehbi baqa' sieket.
Ftit il-bogħod minna kien hemm restaurant. Sieħbi dejjem jgħidli kemm jieħu gost jiekol hemm. "Lil kok tafu sew?" staqsejtu. Weġibni li le. Staqsejtu għaliex jafdaħ. Forsi jista javvelenaħ! Reġa baqa' sieket. Biex ma nsemmielekx lil sħabek ta' fuq ix-xogħol li jgħaddulek messaġġi u nformazzjonijiet. Dawk ukoll ma l-ħatja?
U l-kotba kollha li qrajt kollha għal ġoż-żibel għax ma nafda lill-ebda kittieb. Hemm bżonn terġa tinvestiga kull sejba xjentifika biex tara li ma kienux qed jigdbulek.
U 'l dak t'hemm fuq ukoll ma tafdaħx? Hawn sieħbi sbroffa. "Issa qed tesaġera!" qalli. Staqsejtu għaliex kont qed nesaġera meta fil-fatt kien hu li qal li ma jafda lil ħadd.
Fil-verita` aħna nafdaw ħafna w ħafna aktar milli qatt nimmaġinaw. U hekk sew. Veru li ningidmu xi ftit fil-proċess, iżda kieku ma kienx hekk ħajjitna tkun waħda ta' dwejjaq u frustrazzjoinijiet.
Lil sieħbi staqsejtu jħallasni il-ħames ċenteżmi ta' l-imħatra. Ħares waħda lejja u bi tbissima qalli,"Qed tara x'jiġrilek meta fdajt li nħallsek?"